L-Asesswalità

L-asesswalità hija orjentazzjoni sesswali, jew in-nuqqas tagħha, fejn persuna tħoss ftit jew l-ebda attrazzjoni sesswali lejn l-oħrajn. Meta persuna tidentifika hekk, ma jfissirx li hi broken jew li qiegħda żżomm lura dak li tħoss però tkun sempliċiment qiegħda tiddeskrivi dak li tħoss b’mod validu.

Bħala identità, l-asesswalità hija waħda li teżisti fuq spettru (spectrum). Xi nies asesswali qatt ma jħossu attrazzjoni sesswali waqt li oħrajn iħossuha rarament, f’ċirkustanzi speċifiċi jew b’modi li forsi mhumiex tipiċi.

Min jidentifika bħala asesswali xorta jista’ jħoss attrazzjoni romantika u imħabba flimkien m’interess f’relazzjonijiet intimi u emotional closeness ma’ nies oħra però mhux kull persuna asesswali hija l-istess f’dawn rigwardi. L-attrazzjoni sesswali hija parti waħda biss kif il-bnedmin jirrelataw ma’ xulxin, u għal nies asesswali, din m’għandiex irwol importanti.

Meta niddiskutu l-asesswalità, hu importanti li ma nħawwdux l-attrazzjoni sesswali u l-libido. Xi nies asesswali jħossu ftit jew l-ebda attrazzjoni sesswali u għandhom jew libido baxx jew m’għandhomx libido. Minn naħa l-oħra, hemm nies asesswali li xorta jħossu ftit jew l-ebda attrazzjoni sesswali imma għandhom libido aktar normali allura xorta jkollhom bżonn intrinsiku li jkollhom x’jaqsmu sesswalment mal-oħrajn anke jekk mhumiex sesswalment attirati lejhom.

L-Ispektrum:

  • SESS-POŻITTIV (SEX-POSITIVE): Li jkollok attitudni pożittiva lejn is-sess b'mod ġenerali. Mhux neċessarjament għalik innifsek, imma għal kwalunkwe sess sigur u kunsenswali.

  • SESS-NEWTRALI (SEX-NEUTRAL): Li m’għandek l-ebda opinjoni dwar is-sess b'mod ġenerali, la pożittiva u lanqas negattiva.

  • SESS-NEGATTIV (SEX-NEGATIVE): Li jkollok attitudni negattiva lejn is-sess b'mod ġenerali. Li taħseb li s-sess huwa ħażin, anke jekk ikun sigur u bejn nies kunsenswali.

  • SESS-FAVOREVOLI (SEX-FAVORABLE): Li jkollok attitudni pożittiva lejn is-sess għalik innifsek. Li tixtieq is-sess.

  • SESS-INDIFFERENTI (SEX-INDIFFERENT): Li m’għandek l-ebda opinjoni dwar is-sess għalik innifsek, la pożittiva u lanqas negattiva.

  • SESS-AVERS (SEX-AVERSE): Li jkollok attitudni negattiva lejn is-sess għalik innifsek. Li ma tixtieqx is-sess.

  • SESS-RIPULS (SEX-REPULSED): Li tħoss ripulsjoni jew stmerrija lejn il-ħsieb tas-sess.