Il-Kunsens u Il-Limiti (Boundaries)
-
Il-kunsens ifisser li wieħed jaqbel b’mod attiv li jieħu sehem f’xi ħaġa. Fis-sess u l-intimità, dan ifisser li kull persuna involuta verament trid tkun hemm u tifhem għal xiex qed tidħol.
Il-kunsens mhuwiex skiet.
Il-kunsens mhuwiex "ma qaletx le."
Il-kunsens m’għandux jittieħed for granted ħabba flirting, sess fil-passat, relazzjoni jew kif persuna tkun liebsa.
Il-kunsens huwa dwar l-għażla. Għandu jkun ċar, minn jedd il-persuna, u ħieles minn kull pressjoni.
-
Il-kunsens m’għandux għalfejn ikun formali jew b’diskors ippjanat. Spiss jidher f’komunikazzjoni sempliċi u ta’ kuljum:
"Qed tieħu gost?"
"Trid inkomplu?"
"Dan tajjeb għalik?"
"Għidli jekk trid inbiddlu xi ħaġa."
Jista’ jiġi mogħti wkoll permezz tal-lingwaġġ tal-ġisem, l-entużjażmu, u l-parteċipazzjoni. Jekk xi ħadd jidher stirat, sieket, moħħu band’oħra jew mhux ċert, dak huwa sinjal biex tieqaf u tistaqsi jekk kollox hux sew.
Kunsens veru jinħass miż-żewġ naħat; mhux li "tħalli" xi ħaġa tiġri, imma li tagħżel li tiġri.
-
Il-kunsens mhuwiex ftehim ta’ darba. Jista’ jinbidel f’kull mument.
Wieħed jista’ jgħid "iva" fil-bidu u "le" aktar tard.
Wieħed jista’ jibdel fehmtu f’nofs l-attività.
Wieħed jista’ jrid ħaġa imma mhux oħra.
Biex tieqaf m’hemmx bżonn raġuni jew spjegazzjoni. Li tibdel fehmtek huwa biżżejjed.
Sess tajjeb għandu jkollu spazju fejn wieħed jista’ jnaqqas il-pass, jieqaf, jew itemm kollox mingħajr biża’ ta’ diżappunt jew kastig.
-
Il-kunsens ma jistax jingħata jekk persuna tkun:
Rieqda jew mitlufa minn sensiha.
Taħt l-effett ta’ alkoħol u/jew sustanzi, u ma tistax taħseb ċar.
Tħossha mbeżżgħa, jew sfurzata biex taċċetta.
Tibża’ mill-konsegwenzi jekk tgħid le.
Jekk persuna mhix preżenti bis-sħiħ jew kapaċi tagħżel b’mod ħieles, il-kunsens mhuwiex hemm.
Jekk m’intix ċert/a, ieqaf. Li tkun fis-sakra jew high ma jfissirx li qed tati kunsens. Li tkun f’relazzjoni ma jfissirx aċċess awtomatiku.
-
F’żoni ta’ cruising, saunas, sex parties, u apps, il-kunsens jista’ jiġi kkomunikat b’mod aktar dirett jew permezz tal-ħars, il-lingwaġġ tal-ġisem, u l-viċinanza. Il-fatt li hemm inqas rekwiżiti biex jingħata l-kunsens jista’ jagħmel in-nies iħossuhom aktar b’saħħithom fl-ispazju, però huwa importanti li l-partijiet kollha xorta jaċċertaw ruħhom li l-kunsens qed jingħatha.
L-interess mhuwiex kunsens. Il-kurżità mhijiex kunsens. Li tkun f’post sesswali ma jfissirx li persuna hija disponibbli.
Nuqqas ta’ interess, li persuna titlaq ‘l hemm, jew li ma tkomplix ifissru le. F’dawn is-sitwazzjonijiet, għandek tieqaf u tkompli mingħajr kummenti jew pressjoni.
It-tbabis għandu jagħmel sens fil-kuntest. Dak li hu normali f’kamra mudlama jew f’sex party jista’ ma jkunx xieraq f’bar jew waqt il-Pride. Jekk għandek dubju, ieqaf u staqsi.
Li tfittex il-kunsens hija importanti wkoll meta diġà tkun taf lil persuna l-oħra. Imbilli persuna kellha x’taqsam miegħek fil-passat jew kienet flirty miegħek ma tfissirx li qed tgħid “Iva”.
Dawn l-ispazji jaħdmu l-aħjar meta n-nies jieħdu ħsieb xulxin u jirrispettaw il-limiti ta’ xulxin mingħajr drama. Mġieba dan it-tip tgħin biex dawn l-ispazju jiqgħu ħajjin u jilqgħu lil dawk kollha li jixtiequ jipparteċipaw fihom.
Finalment, il-kunsens mhuwiex li tgħid lil oħrajn x’xewqiet int taħseb li huma aċċettabbli imma huwa dwar li kulħadd ikollu dritt jagħżel kif u x’fatta jkollu x’jaqsam sesswalment.
-
Il-limiti huma dawk il-linji personali dwar x’inhu aċċettabbli għalik u x’mhuwiex. Jistgħu jkunu fiżiċi, emozzjonali, jew sesswali. Eżempji jinkludu:
X’tip ta’ tbabis tħoss komdu.
Liema kliem jaffermak u liema kliem idejjqek.
Attivitajiet li m’intix lest/a tagħmel.
X’ritmu tippreferi
Affarijiet li jistgħu jiġru biss f’ċertu kuntesti jew ma’ ċerti persuni
Il-limiti (boundaries) mhumiex regoli biex tikkontrolla lil ħaddieħor, iżda modi kif tipproteġi s-sigurtà u l-kumdità emozzjonali u fiżika tiegħek.
Kulħadd għandu xi forma ta’ limiti (boundaries), anke jekk qatt ma tkellmu fuqhom.
-
Għandek kull dritt tgħid il-limiti tiegħek b’mod ċar u kalm. M’għandekx bżonn tiġġustifikahom. Li tgħid "dik ma togħġobnix" jew "m’għandix interess f’dik il-ħaġa" huwa biżżejjed.
Ir-rispett lejn il-limiti jfisser li tisma’ mal-ewwel darba. Ma tfissirx li tinsisti, tinnegozja, jew tipprova aktar tard biex tara jekk ir-risposta nbidlitx.
Li persuna tati kas il-limiti (boundaries) tiegħek tfisser li jimpurtaha minnek. Meta persuna ma tatix kas il-limiti (boundaries) tiegħek tkun qiegħda taġixxi b’mod ħażin u/jew manipulattiv.
-
Il-kunsens jista’ jkun aktar ikkumplikat meta jkun hemm differenza fil-poter (eż. età, awtorità, flus, jew pressjoni soċjali). Jekk persuna tħossha li se titlef is-sigurtà jew l-approvazzjoni tagħha jekk tgħid le, il-kunsens ma jingħatax b’mod ħieles
-
Il-kunsens mhuwiex xi ħaġa li tnaqqas l-eċitament. Huwa dak li jippermetti lin-nies iħossuhom komdi u jafdaw lil oħrajn. Meta l-kunsens ikun ċar:
Il-ġisem jirreaġixxi b’mod aktar ħieles.
Il-pjaċir jinħass aktar sigur.
Il-komunikazzjoni titjieb.
L-aqwa sess isseħħ meta kulħadd ikun jaf li huwa mixtieq, u mhux sempliċiment tollerat.
-
Jekk esperjenza ħallietek tħossok konfuż/a, skomdu/a, jew inkwetat/a, dak li qed tħoss huwa validu. Għandek kull dritt titkellem dwarha u tfittex l-għajnuna.
Jekk qbiżt il-limiti ta’ xi ħadd mingħajr ma ndunajt, li tisma’ u tieħu r-responsabbiltà huwa l-ewwel pass biex titgħallem.