Terminoliġija

Forsi smajt b’xi termini… imma xi jfissru?

  • L-asesswalità (jew “ace”) hija orjentazzjoni sesswali fejn persuna tħoss ftit jew xejn attrazzjoni sesswali. Xi persuni asesswali xorta jkunu interessati fir-romantiċiżmu, fil-masturbazzjoni, tgħanniq, jew relazzjonijiet; oħrajn le.

    Xorta romantiċi? Jista’ jkun.
    Xorta fantastiċi? Dejjem.

    Aqra aktar hawn.

  • Il-monogamija hija struttura ta’ relazzjoni fejn żewġ persuni jaqblu li jkunu esklussivi b’mod romantiku u/jew sesswali ma’ xulxin.

    F’relazzjoni monogama, is-sħab normalment:

    • Ma jfittxux relazzjonijiet romantiċi ma’ persuni oħra

    • Ma jidħlux f’attività sesswali barra mir-relazzjoni

    • Jaħdmu fuq ftehim ċar dwar l-esklussività

    Il-monogamija tista’ tidher differenti minn koppja għal oħra. Xi koppji jiffukaw fuq esklussività emozzjonali, oħrajn fuq esklussività sesswali, u oħrajn fuq it-tnejn. L-iktar importanti hu li l-aspettattivi jkunu diskussi u miftiehma bejn iż-żewġ persuni.

    Il-monogamija hija mod validu kif persuni jistgħu jorganizzaw relazzjoni. Mhijiex aktar matura, morali, jew aħjar minn strutturi oħra ta’ relazzjoni li huma kunsenswali.

    Bħal kull mudell ta’ relazzjoni, taħdem l-aħjar meta tkun mibnija fuq komunikazzjoni, fiduċja, imħabba u kunsens.

  • L-aftercare hija l-kura, il-konfort u l-attenzjoni li n-nies jagħtu lil xulxin wara s-sess jew esperjenza intima intensa. Hija l-għajnuna biex il-ġisem u l-emozzjonijiet jistrieħu, jerġgħu jikkonnettjaw u jħossuhom siguri.

    Tista’ tkun tgħanniqa, taħdita, ftit ilma, tnaqqru xi ħapa bejnietkom, iżżommu jdejn xulxin, ttiċċekkja kif qed iħossha l-parti l-oħra, jew sempliċement timteddu flimkien fis-skiet. Għal xi wħud hija essenzjali, speċjalment wara sess qawwi, emozzjonali jew intens ħafna. Għal oħrajn hija aktar sottili imma xorta sinifikanti.

    Is-sess mhux dejjem jispiċċa b’mod perfett meta terġa’ tilbes il-ħwejjeġ. L-ormoni jinżlu, is-sentimenti jinbidlu, u n-nies jistgħu jħossuhom sensittivi jew vulnerabbli. L-aftercare tgħin biex tagħlaq dak il-mument b’ġentilezza u kura.

    Aftercare tajba mhijiex dwar xi ħaġa elaborata; hija dwar li tinnutaw lil xulxin u tiżguraw li kulħadd qed iħossu okay, stabbli u rispettat.

  • Dak il-mument meta tabiba tħares lejn tarbija u tgħid “Dan tifel!” jew “Din tifla!”, ibbażat fuq il-ġenitali  u mhux fuq ir-ruħ.

    Twissija: Fil-każ ta’ persuni trans, u xi kultant intersex, id-dikjarazzjoni tkun ħażina.

    Il-professjonisti mediċi eċċellenti xorta waħda, imma mhux dejjem iġibuha żewġ!

    Aqra fuq iġsma AMAB hawn.

    Aqra fuq iġsma AFAB hawn.

  • Dak il-mument meta tabib iħares lejn tarbija u jgħid “Dan tifel!” jew “Din tifla!”, u jkollu raġun!

    Bażikament, meta l-ġeneru tiegħek jaqbel ma’ dak indikat fuq iċ-ċertifikat tat-twelid.

    Aqra fuq iġsma AMAB hawn.

    Aqra fuq iġsma AFAB hawn.

  • Transġeneru (spiss imqassar bħala trans) huwa terminu umbrella għal nies li l-identità tal-ġeneru tagħhom hija differenti mis-sess li ġew assenjati mat-twelid.

    Persuna transġeneru tista’ tidentifika bħala raġel, mara, it-tnejn, la wieħed u lanqas l-oħra, jew xejn f'xi punt tul l-ispettru tal-ġeneru. Li tkun transġeneru għandu x’jaqsam mas-sens intern ta’ min hu dak li jkun, u mhux mal-anatomija, l-istorja medika, jew jekk il-persuna ħaditx passi biex tafferma l-ġeneru tagħha.

    Punti Importanti

    • It-Tranżizzjoni: Xi nies transġeneru jagħżlu forom mediċi jew soċjali ta’ tranżizzjoni, filwaqt li oħrajn le. Kollha huma validi bl-istess mod.

    • Identità vs Orjentazzjoni: It-transġeneru huwa identità tal-ġeneru, mhux orjentazzjoni sesswali.

    • Non-binary: It-terminu jista’ jinkludi nies non-binary, għalkemm xi nies non-binary jippreferu ma jużawx il-kelma “transġeneru” għalihom infushom.

    Nota għall-qarrejja ċisġeneru (cis):

    In-nies trans huma persuni sħaħ, mhux kategoriji jew fantasiji biex jiġu kkunsmati. Approċċja l-korpi u l-identitajiet trans bl-istess rispett u kunsens li toffri lil kulħadd.

    Aqra aktar dwar iġsma trans fem waqt l-HRT hawn.

    Aqra aktar dwar iġsma trans masc waqt l-HRT hawn.

  • Qbil ċar, entużjast u kontinwu għal kwalunkwe ħaġa li tinvolvi ġismek; minn tgħanniqa sa relazzjoni sesswali.


    Il-kunsens irid jingħata liberament, qatt ma jkun preżunt, u tista’ tirtirah fi kwalunkwe ħin.

    Aqra aktar hawn.

  • Is-sens personali tiegħek ta’ min int; raġel, mara, it-tnejn, l-ebda waħda, jew xi ħaġa bejniethom.
    Jista’ jaqbel mal-ġeneru li tawk fitt-twelid, jew jista’ ma jaqbilx. Mhux dejjem jidher, imma huwa reali ħafna. U le, mhix xi ħaġa li “tiddeċiedi ġurnata waħda”; hija aktar xi ħaġa li tiskopri, tagħtiha isem u tagħmilha tiegħek.

  • Persuni intersesswali jitwieldu b’karatteristiċi sesswali (bħal kromosomi, ormoni jew ġenitali) li ma jaqgħux fil-mudell tipiku ta’ “raġel” jew “mara”. 

    In-natura m’għamlet l-ebda żball; sempliċiment kienet ftit kreattiva. Ftit ħwawar fil-borma tal-ġeneru.

    Aqra aktar hawn.

  • Il-masturbazzjoni hija l-att li tesplora ġismek stess għall-pjaċir, waħdek! Hija normali, tajba għas-saħħa, u mod tajjeb biex titgħallem x’jagħtik gost (u, jekk trid, tgħaddi dan lill-oħrajn).

    Mhijiex “pjan ta’ riżerva”; hija kura personali f’dawl aħjar. Ebda mistħija, ebda miti; int, ġismek, u forsi ftit mużika tajba.

    Aqra aktar hawn.

  • Meta tagħmel hekk lil xi ħadd, tkun qed tikxef l-identità jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħu mingħajr il-permess tiegħu.
    Il-coming out hija esperjenza u għażla personali ħafna għal persuna queer, u għandha ssir biss meta l-persuna tkun lesta.
    Bażikament, l-outing huwa l-oppost ta’ xi ħarġa tal-iskola! Ma fihiex gost u lanqas mhi edukattiva, u tneħħi l-poter tal-individwu li jiftaħ qalbu skont it-termini tiegħu stess.

  • Il-pożittività dwar is-sess tirreferi għat-twemmin li l-attivitajiet sesswali kollha li jsiru b’kunsens huma fundamentalment tajbin għas-saħħa u aċċettabbli, sakemm kulħadd ikun infurmat, entużjast u komdu. Din tinkoraġġixxi konversazzjonijiet miftuħa, rispett lejn xewqat differenti, u t-tneħħija tal-mistħija dwar il-ġisem, il-pjaċir u l-intimità.


    Fil-qosor: ebda ġudizzju, ebda drama, biss vibes, lubrikant u għażliet infurmati.
    Negattività dwar is-sess? L-istess ħaġa, imma bil-maqlub!

  • Id-doxxa tirreferi għal meta tlaħlaħ il-vaġina jew l-anus bl-ilma jew b’soluzzjoni speċjali. Ħafna jagħmluha għax jaħsbu li tagħmilhom aktar nodfa, imma ġismek ġeneralment jagħmel xogħlu tajjeb waħdu.
    Għall-vaġini, id-doxxa mhijiex rakkomandata. Tista’ Tħarbat il-bilanċ naturali, tikkawża irritazzjoni jew iżżid ir-riskju ta’ infezzjonijiet. Ilma sħun minn barra huwa biżżejjed.
    Għal-logħob anali, xi wħud jagħmlu tlaħliħa ħafifa minn qabel għal iktar kumdità. L-enfasi huwa fuq il-ġentilezza. Uża ftit ilma sħun, ħu l-ħin tiegħek, u qatt tesaġera. Ġismek mhux qiegħed biex jieħu power wash.

    Jekk tweġġa’, tħoss xi ħruq jew tħoss li wisq, waqqafha. Li tkun nadif huwa diġà biżżejjed. Ġismek huwa pjuttost intelliġenti.

    Aqra aktar hawn.

  • Dan jirreferi għal dak kollu li jiġri qabel il-penetrazzjoni, għalkemm onestament, għal ħafna nies huwa l-avveniment prinċipali. Bews, mess, inkejja, kliem, ħakk tal-iġsma, tneħħija tal-ħwejjeġ, daħq… kull ħaġa li tibni konnessjoni, tqanqil u antiċipazzjoni tgħodd.

    Dan mhuwiex xi lista ta’ affarijiet li trid tagħmeli jew xi rutina biex tisħon iktar. Il-foreplay iżid ix-xenqa lejn xulxin, titgħallem x’jagħti pjaċir, u tħalli l-ġisem ilaħħaq mal-moħħ. Għal ħafna, hawhekk huwa fejn jibda l-pjaċir.

    L-iskop ta’ dan il-logħob mhux dwar li tasal malajr; huwa dwar li tgawdi l-vjaġġ, mhux xi ġirja lejn l-orgażmu.

  • Il-frottage huwa pjaċir sesswali li fejn togħrok il-ġisem kontra ġisem ieħor, aktar milli permezz ta’ penetrazzjoni. Aħseb f’ħakk tal-ġenbejn, ġisem ma’ ġisem, jew tgħorok il-ġenitali minn fuq il-ħwejjeġ jew ġilda ma’ ġilda. Jekk jinħass intimu u intenzjonat, jgħodd bħala frottage.
    Din hija għażla popolari għax tista’ tkun erotika ħafna mingħajr ma tkun intensa jew invażiva. Tippermetti kontroll tal-pressjoni, ir-ritmu u l-qrubija, u taħdem għal kull ġeneru u tip ta’ ġisem.
    Għal xi wħud iżżid is-saħna; għal oħrajn hija l-avveniment prinċipali. Mhux importanti jekk ikunx hemm orgażmu. Il-punt huwa li jkun hemm konnessjoni.
    Movimenti bil-mod, komunikazzjoni tajba u attenzjoni għal x’qed jgħidlek il-ġisem normalment jagħmluha ħafna aktar sodisfaċenti milli meta tgħaġġel.

  • Is-sess f’grupp huwa kwalunkwe esperjenza sesswali li tinvolvi aktar minn żewġ persuni fl-istess ħin.

    Dan jista’ jkun bejn tlieta, bejn erbgħa min-nies jew gruppi akbar, u jista’ jinkludi mess, ħars, parteċipazzjoni jew tibdil tas-sieħba.


    Għal xi wħud, huwa eċċitanti minħabba l-enerġija li taqsam mal-oħrajn, il-varjetà jew is-sens ta’ konnessjoni. Għal oħrajn, huwa aktar dwar il-kurżità jew il-fantasija. U huwa kompletament okay jekk ma tħossx li dan huwa għalik.


    L-aktar ħaġa importanti hija l-komunikazzjoni. Kulħadd għandu jkun jaf x’qed jiġri, x’inhu barra mil-limiti, u jħossu komdu jitkellem jew jirtira fi kwalunkwe mument.

    Kunsens ċar, rispett reċiproku u ftit kura personali wara l-esperjenza huma importanti daqs f’kull tip ieħor ta’ sess.


    Is-sess fi grupp huwa dwar li tagħżel dak li tħoss li huwa tajjeb għalik, f’dak il-mument, ma’ nies li jirrispettaw il-limiti tiegħek.

  • L-A-spot, fil-qosor għal anterior fornix, hija żona sensittiva li tinsab fil-fond tal-vaġina, qrib iċ-ċerviċi fuq in-naħa ta’ quddiem. Għal xi persuni, pressjoni ħafifa jew stimulazzjoni profonda f’din iż-żona tista’ tkun pjaċevoli ħafna u żżid il-lubrikazzjoni naturali.

    Mhux kulħadd iħoss pjaċir bl-istimulazzjoni tal-A-spot. Għal xi wħud hija sensazzjoni tal-ġenn, għal oħrajn newtrali, u għal oħrajn iħossuha skomda. Dan normalment ifisser li l-ġisem għandu bżonn aktar tqanqil, jew forsi angolu differenti, jew sempliċiment li dik iż-żona m’għandekx bżonn tagħtiha attenzjoni.

    L-A-spot mhijiex xi ħaġa li trid “tasal għaliha” jew “tiskopriha”. Hija biss waħda minn ħafna żoni possibbli ta’ pjaċir. Jekk ittik pjaċir, tajjeb. Jekk le, dan perfettament normali wkoll.

  • It-tribbing, kultant imsejjaħ scissoring jew tqasqis kif qed insejħhulu aħna, huwa tip ta’ sess fejn is-sieħba jogħrku l-ġenitali tagħhom ma’ xulxin għall-pjaċir, ġeneralment vulva ma’ vulva. Jinvolvi iktar kuntatt ta’ ġisem ma’ ġisem, rittmu u sensazzjoni maqsuma milli penetrazzjoni.

    Għall-kuntrarju ta’ kif spiss jidher fil-pornografija, it-tqasqis ma jinvolvix pożizzjoni waħda jew xi garanzija ta’ orgażmu. Jista’ jinvolvi li tħokk ġismek ma ġisem is-sieħba, saqajn imdawrin, pressjoni tal-ġisem, jew kwalunkwe angolu li tħoss li huwa tajjeb għalik. Il-kumdità u l-kreattività huma aktar importanti mill-flessibilità.

    Xi wħud iħobbuh, oħrajn le, u xi wħud jippreferu xi ħaġa differenti minflok il-forma klassika tal-“imqass”. Dan kollu huwa normali. Bħal ħafna affarijiet fis-sess, dak li jaħdem jiddependi mill-ġisem ta’ dak li jkun u minn jekk tħossokx rilassata u bl-aptit.

    Komunikazzjoni, lubrikant u tibdil fil-pożizzjonijiet jistgħu jagħmluh aktar pjaċevoli. M’hemmx mod “tajjeb” wieħed; hemm biss dak li jħossu tajjeb il-persuni involuti.

  • L-ansjetà dwar il-prestazzjoni hija t-tħassib jew pressjoni li persuna tħoss dwar kif se “tmur” waqt is-sess. Tista’ tesperjenza tħassib żejjed, diffikultà biex titqanqal jew tibqa’ mqanqla, diffikultà biex twassal sal-orgażmu, jew tħoss ħafna tensjoni u lanqas tkun taf x’qed jiġri.

    Din spiss tkun ġejja mill-biża’ tal-ġudizzju, aspettattivi li jkunu ġew mill-pornografija jew minn esperjenzi tal-passat, jew mix-xewqa li togħġob lis-sieħeb/a wisq. Aktar ma persuna tiffoka fuq li tagħmel is-sess “sew”, aktar jista’ jsir diffiċli li tgawdi dak li qed jiġri.
    Din l-ansjetà hija komuni u ma tfissirx li hemm xi ħaġa ħażina fil-ġisem jew fix-xewqat tiegħek. Li tnaqqas ir-ritmu, tiffoka iktar fuq is-sensazzjoni milli fuq il-prestazzjoni, u titkellem b’mod miftuħ mas-sieħeb/a jista’ jgħin biex titnaqqas il-pressjoni.
    Is-sess jaħdem l-aħjar meta jinħass qisu logħba, rilassat u meta jitħallai jkun imperfett.

  • Ix-xewqa reattiva hija meta l-interess sesswali jikber b’reazzjoni għall-mess, il-qrubija jew il-konnessjoni emozzjonali, aktar milli jiġi waħdu. Xi nies ma jħossuhomx “fil-burdata” sakemm ma tibda xi ħaġa, u dan huwa kompletament normali.
    Din it-tip ta’ xewqa spiss tinħass wara bews, tgħanniq jew stimulazzjoni ħafifa. Ma jfissirx li persuna hija inqas sesswali jew inqas interessata; ifisser biss li l-ġisem tagħha għandu bżonn ftit stimulazzjoni qabel ma tiġi x-xewqa. 

    Għarfien dwar iix-xewqa reattiva jista’ jnaqqas il-pressjoni u n-nuqqas ta’ ftehim fir-relazzjonijiet. L-aptit għas-sess mhux dejjem jiġri b’mod immedjat. Kultant jibda bil-kurżità u jikber minn hemm.

  • Il-coming out jirreferi għall-proċess li bih persuna tiżvela l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħha lil oħrajn; verżjoni mqassra tal-espressjoni “to come out of the closet”, litteralment toħroġ mill-armarju!


    Bażikament, huwa l-ħruġ grandjuż tal-veru persuna, ta’ min verament int; imma minflok qed toħroġ xi żraben jew gadgets minn ġo xi kaxxa, qed tikxef l-awtentiċità tiegħek.

  • Id-doxycycline huwa antibijotiku li, meta jittieħed qabel (PrEP) jew wara (PEP) s-sess, jista’ jnaqqas iċ-ċans li persuna tieħu ċerti STIs batteriċi bħas-sifilide jew il-klamidja; speċjalment utli għal persuni b’riskju ogħla.


    Dawn qishom iċ-ċinturin tas-sigurtà għall-STIs. Mhumiex xi bakketta maġika, imma joffru appoġġ sod u sigurtà ikbar lill-ħajja sesswali tiegħek.

  • Is-sess orali huwa meta tuża ħalqek, xofftejk u lsienek biex tistimula l-ġenitali jew l-anus ta’ persuna oħra. Dan jista’ jinvolvi lagħaq, irdiegħ, bews jew inkejja ħafifa, u jista’ jingħata, jiġi rċevut jew jinqasam f’kull direzzjoni. Jgħodd bħala sess, anke jekk il-ħwejjeġ jibqgħu ma jitneħħewx jew ħadd ma jasal għall-orgażmu.

    Għal xi nies huwa intimu u emozzjonali; għal oħrajn huwa logħob, eċċitanti jew sempliċement pjaċevoli ħafna. M’hemmx mod “korrett” wieħed. Dak li jgħodd huwa l-kumdità, il-komunikazzjoni u l-attenzjoni għal kif qed tirreaġixxi l-persuna l-oħra.

    Li toħodha bil-mod, u tiċċekkja permezz ta’ ħsejjes, nifs jew kliem ġeneralment jaħdem aħjar milli tipprova tikkopja xi ħaġa li rajt fil-porn. Ħalq ta’ veru għandu bżonn il-mistrieħ, u l-pjaċir reali mhuwiex dak li tara fuq il-porn.

    Xedaq rilassat, nifs regolari mill-imnieħer u li tiftakar li tista’ tieqaf jew tbiddel ir-ritmu jagħmlu l-esperjenza ferm aktar pjaċevoli għal kulħadd.

    Aqra aktar hawn.

  • Il-PrEP hija mediċina li tittieħed minn persun li m’għandhomx l-HIVi biex tnaqqas ir-riskju li jittieħed il-virus. Meta tittieħed b’mod konsistenti (kuljum jew kif preskritt), hija effettiva ħafna fil-prevenzjoni tat-trażmissjoni tal-HIV permezz tas-sess jew l-użu ta’ labar. Il-PrEP ma tipproteġix kontra STIs (infezzjonijiet trasmessi sesswalment) oħra, għalhekk hu rakkomandat li tingħaqad ma’ metodi ta’ protezzjoni bħall-kondoms.

    Bażikament: il-gwardjana ċkejkna blu tiegħek. Ma tiġġudikakx ma’ min torqod jew kif; imma ssibha hemm fil-ħin u tagħmel xogħolha kif suppost.

    Aqra aktar hawn.

  • Il-pornografija (magħrufa bħala porn minn sħabha, l-għedewwa tagħha u minn oħrajn li jafuha)

    hija midja maħluqa biex turi xeni sesswali għall-eċċitament ta’ min jarahom. Tista’ tkun divertenti, eċċitanti, immaġinattiva, u mod kif tesplora fantasiji li forsi qatt ma tipprova fil-ħajja reali. Il-porn jista’ jqajjem kurżità, jgħallmek xi jqanqlek, jew sempliċement ikun divertiment għall-adulti.
    Importanti niftakru li l-porn huwa aktar wirja milli realtà. Il-ġisem jiġi editjat, l-angoli huma maħsuba minn qabel, u ħadd ma juri l-waqfiet skomdi jew in-negozjati li jiġru wara l-kwinti.

    Is-sess reali għandu dejjem jinkludi affarijiet li l-porn jaqbeż: kunsens, lubrikanti, komunikazzjoni u kumdità.


    Aqra aktar hawn.

  • Din tirreferi għal lejn min tħoss attrazzjoni emozzjonali, romantika, sesswali, jew kwalunkwe taħlita tat-tlieta. Tista’ tkun attrazzjoni lejn l-istess ġeneru, lejn ġeneru differenti, lejn diversi ġeneri, jew lejn ħadd.

    Mhijiex xi moda, mhijiex deċiżjoni; hija aktar bħal min awtomatikament tħares lejh darbtejn f’ħanut tal-kafè.

  • L-użu ta’ pronomi jew ġeneru mhux aċċettabbli għal xi ħadd. Kemm jekk bi żball kif ukoll apposta, mhux ħaġa sabiħa.

    Qisu bħal meta ssejjaħ lil ħabibtek “Steve” meta jisimha “Maria”. Inkonvenjenti, u faċilment tista’ tevitha. Tkunx dik il-persuna.

  • Il-kink jirreferi għal interessi, fantasiji jew prattiki sesswali konsenswali li jmorru lil hinn minn dak li jitqies “vanilla” jew konvenzjonali. Dan jista’ jinkludi logħob ta’ poter, bondage, logħob li jinvolvi sensazzjonijiet, roleplay, u ħafna aktar. Il-kink huwa kollu dwar esplorazzjoni, komunikazzjoni u rispett reċiproku; u mhux bilfors jinvolvi uġigħ, ġilda jew dungeon (sakemm ma tkunx tixtieq).
    Bażikament: il-kapitlu “agħżel l-avventura tiegħek” tas-sess. Mhux xi ħaġa stramba, imma personalizzata. Jekk għalik pjaċevoli, sigur u jsir b’kunsens: merħba fil-klabb tal-ħwawar!

    Aqra aktar hawn.

  • L-assunzjoni li kulħadd huwa eterosesswali u cisgender, u li kull ħaġa oħra hija “differenti” jew “mhux normali”. Din l-idea tidher fil-liġijiet, il-midja, fil-familji, u f’konverżazzjonijiet skomdi waqt l-ikel.

    Aħseb fiha bħala s-settings awtomatiċi tas-soċjetà, bħal dawk li ħerġin mill-fabbrika. Imma tinkwetax - hemm l-upgrades u xi kultant naġġornaw!

  • Dak li bl-Ingliż jissejjaħ sensate focus huwa mod kif tesplora l-mess mingħajr pressjoni, għanijiet jew aspettattivi. Minflok tipprova titqanqal jew tasal għall-orgażmu, l-idea hija li tnaqqas ir-ritmu u tagħti attenzjoni għal kif il-mess jinħass fil-ġisem.

    Normalment dan jibda b’mess sempliċi u mhux sesswali, bħall-idejn fuq il-ġilda, id-dahar, l-idejn jew l-ispallejn. Il-ġenitali spiss ma jkunux involuti fil-bidu - apposta. Meta tneħħi l-ġenitali mir-riċetta, in-nies jirrilassaw, jiffokaw u jerġgħu jibnu l-fiduċja fil-ġisem tagħhom jew mas-sieħeb/a.
    L-iffukar fuq is-sensazzjoni huwa partikolarment utli jekk is-sess jinħass wisq stressanti, skomdu jew mingħajr konnessjoni. Jgħin ibiddel il-fokus mill-prestazzjoni għas-sensazzjoni, il-kurżità u l-kumdità.
    Tista’ tagħmlu waħdek jew ma’ sieħeb/a. M’hemmx pass “tajjeb” u m’hemmx linja finali. Jekk xi ħaġa tħossha tajba, innotaha. Jekk le, itlaqha u fittex affarijiet oħra.

    Il-punt mhuwiex li tikseb xi ħaġa. Il-punt huwa li tħoss is-sensazzjoni.

  • Il-fisting ifisser li ddaħħal l-id kollha (jew kważi kollha) fil-vaġina jew fl-anus għall-pjaċir. Huwa tip intens u avvanzat ta’ penetrazzjoni li jiddependi ħafna fuq il-fiduċja, il-komunikazzjoni u ħafna lubrikant.


    Qatt m’għandu jweġġa’, iqatta’ jew jinħass sfurzat. Ibda bil-mod bis-swaba’, ħu n-nifs, u mur aktar ’il ġewwa biss jekk kulħadd ikun rilassat u entużjast. Ħudha bil-mod, ibqa’ tkellem, u uża aktar lubrikant milli taħseb li hemm bżonn.

    Il-fisting huwa dwar il-konnessjoni, mhux xi ħaġa li tissaporti.. Jekk isir b’mod ġentili, b’kunsens u kulħadd iħossu tajjeb, ifisser li qed tagħmlu sew.

    Aqra aktar hawn

  • L-Aromantċita tfisser meta persuna li tesperjenza ftit jew xejn attrazzjoni romantika lejn oħrajn. Attrazzjoni romantika hija x-xewqa li tifforma relazzjoni romantika, bħal li tkun trid sieħeb jew sieħba f’sens tradizzjonalment romantiku.

    Persuni aromantiċi jistgħu:

    • Ma jesperjenzawx “crushes”

    • Ma jkollhomx xewqa għal relazzjonijiet romantiċi

    • Jesperjenzaw attrazzjoni romantika rari jew f’ċirkustanzi speċifiċi

    L-aromantiċità teżisti fuq spettru. Xi nies qatt ma jesperjenzaw attrazzjoni romantika, filwaqt li oħrajn jistgħu jesperjenzawha kultant jew taħt ċerti kundizzjonijiet emozzjonali.

    Li tkun aromantiku ma jfissirx li persuna:

    • Ma tistax tħobb

    • Ma tistax tifforma rabtiet emozzjonali profondi

    • Ma tistax ikollha relazzjonijiet sinifikanti

    • Ma tistax tgawdi s-sess

    Attrazzjoni romantika u attrazzjoni sesswali huma affarijiet differenti. Persuna tista’ tkun:

    • Aromantika u asesswali

    • Aromantika u sesswalment attratta lejn oħrajn

    • Aromantika u f’relazzjoni impenjata

    Persuni aromantiċi jibnu relazzjonijiet b’modi differenti, inkluż ħbiberiji profondi, sħubiji queerplatoniċi, familja magħżula, jew forom oħra ta’ intimità li ma jsegwux l-iskripts romantiċi tradizzjonali.

    L-aromantiċità mhix fażi, immaturità emozzjonali, jew riżultat ta’ trawma. Hija orjentazzjoni romantika valida u parti mid-diversità naturali tal-bniedem.

  • Is-sess anali huwa attività sesswali li tinvolvi stimulazzjoni jew penetrazzjoni tal-anus. Dan jista’ jinvolvi swaba’, ġugarelli, il-ħalq jew il-pene. Bħal kull forma ta’ sess, l-importanti li tkun ħaġa li kull min huwa involut jixtieq jagħmel u jħossu komdu jagħmilha.

    Xi nies igawdu s-sess anali għax din iż-żona għandha ħafna nervituri u tista’ tipproduċi sensazzjonijiet intensi. Oħrajn ma jogħġobhom xejn. It-tnejn huma kompletament normali. Is-sess anali huwa għażla, mhux aspettattiva.

    L-anux ma jillubrikax waħdu, għalhekk huwa importanti li tuża ħafna lubrikant u toħodha bil-mod. Ir-rilassament, il-komunikazzjoni u l-paċenzja jagħmlu differenza kbira. L-uġigħ mhuwiex rekwiżit, u li tieqaf dejjem hu okay.

    Is-sess anali mhuwiex limitat għal xi ġeneru jew orjentazzjoni sesswali partikolari. Il-pjaċir jiddependi fuq il-persuna, il-kuntest, u kemm kulħadd iħossu sigur u rispettat.

    Aqra aktar hawn.

  • L-orgażmu huwa rispons fiżiku, newroloġiku u emozzjonali kumpless għall-istimulazzjoni sesswali. Normalment jinvolvi żieda gradwali fil-pjaċir segwita minn kontrazzjonijiet ritmiċi tal-muskoli, bidliet fin-nifs u fir-rata tal-qalb, u sensazzjoni ta’ ħelsien jew intensità. L-orgażmi huma kkontrollati mis-sistema nervuża u l-moħħ, mhux biss mill-ġenitali.

    L-orgażmi jistgħu jinvolvu partijiet differenti tal-ġisem. Għal xi nies dan jinkludi kontrazzjonijiet ġenitali jew eġakulazzjoni. Għal oħrajn jista’ jinvolvi kontrazzjonijiet anali, sensazzjonijiet li jinħassu fil-ġisem kollu, rilaxx emozzjonali, vokalizzazzjoni, jew sens ta’ rilassament profond jew konnessjoni. Xi orgażmi jinħassu qawwija u intensi, oħrajn bil-mod u jiġu bħal mewġ, u xi wħud huma sottili jew mifruxa fil-ġisem.

    Mhux l-orgażmi kollha jidhru jew jinħassu bl-istess mod. Jistgħu jvarjaw skont l-anatomija, l-ormoni, il-burdata, it-tip ta’ stimulazzjoni, il-kumdità, l-istat mentali u l-kuntest. L-istess persuna tista’ tesperjenza tipi differenti ta’ orgażmi f’mumenti differenti ta’ ħajjitha jew anke fl-istess jum.

    Huwa wkoll normali li:

    • Tieħu żmien twil biex tasal għall-orgażmu

    • Tasal għall-orgażmu mingħajr penetrazzjoni

    • Tasal għall-orgażmu mingħajr eġakulazzjoni

    • Teġakula mingħajr orgażmu

    • Ikollok iktar minn orgażmu wieħed

    • Rari jew qatt ma tasal għall-orgażmu

    L-orgażmi huma komuni, iżda kuntrarjament għall-opinjoni popolari, mhumiex l-għan jew il-kejl ta’ sess tajjeb. Il-pjaċir, l-intimità, il-konnessjoni u l-kunsens huma daqstant importanti. Esperjenza sesswali sodisfaċenti ma teħtieġx orgażmu biex tkun valida jew ta’ suċċess.

    L-orgażmi huma riżultat possibbli tal-attività sesswali, mhux rekwiżit.

  • Is-sess orali fuq l-anus, xi drabi msejjaħ rimming, jinvolvi l-użu tal-ħalq u l-ilsien madwar iż-żona anali. Xi nies isibuh ta’ pjaċir profond għax iż-żona hija sensittiva u tirreaġixxi sew.

    Iġjene tajba, kunsens ċar u l-kumdità huma importanti hawn. Mhux kulħadd iħobb din it-tip ta’ attività, u l-interess jista’ jinbidel skont il-burdata jew il-fiduċja.

    Bħal kull forma ta’ sess orali, għandu jkun reċiproku u mingħajr pressjoni. L-entużjażmu huwa aktar importanti mit-teknika.

    Aqra aktar hawn.

  • Il-fantasija tirreferi għal xenarji sesswali immaġinati li tħosshom eċċitanti jew intriganti. Ir-realtà hija dak li n-nies fil-fatt iridu, jaċċettaw li jagħmlu u dak li jieħdu pjaċir jagġmlu fil-ħajja vera. It-tnejn m’għandhomx għalfejn ikunu simili.
     

    Ħafna nies jiffantasizzaw dwar affarijiet li qatt ma jixtiequ jesperjenzaw fil-prattika. Dan ma jfissirx li fil-fond iridu li jiġru. Il-fantasija hija dwar l-immaġinazzjoni u s-sensazzjoni, mhux dwar obbligu jew intenzjoni.

    Li tifhem id-differenza bejn il-fantasija u r-realtà jista’ jnaqqas il-mistħija u l-konfużjoni. Fil-ħajja vera, dak li jimporta huwa l-kunsens, il-kumdità u l-għażla.

  • L-immaġinazzjoni erotika hija l-abbiltà li tesperjenza eċċitazzjoni permezz ta’ ħsibijiet, fantasiji, memorji jew xenarji, b’mess fiżiku jew mingħajr. Huwa l-lat mentali tax-xewqa sesswali u tista’ tkun qawwija daqs l-istimulazzjoni fiżika.


    Xi nies għandhom immaġinazzjoni erotika vivaċi ħafna, filwaqt li oħrajn jesperjenzaw ix-xewqat sesswali aktar permezz tal-mess, il-konnessjoni jew il-kuntest. It-tnejn huma normali. Il-fantasiji m’għandhomx għalfejn jirriflettu x-xewqat reali, il-morali jew il-pjanijiet fil-ħajja vera. Huma sempliċement mod kif il-moħħ jesplora l-pjaċir.

    L-immaġinazzjoni erotika tista’ tgħin fl-eċċitazzjoni, tnaqqas il-pressjoni waqt is-sess, u tgħin lin-nies jifhmu xi jjqanqalhom, anke jekk qatt ma jaġixxu fuqha.

  • Il-libido hija kelma li tiddeskrivi l-livell ta’ xewqa sesswali jew interess fis-sess. Tista’ tkun għolja, baxxa, jew xi mkien bejniethom, u tista’ tinbidel maż-żmien.
    Ħafna affarijiet jistgħu jaffettwaw il-libido, inkluż l-istress, l-ormoni, is-saħħa, il-mediċini, il-benesseri mentali, ir-relazzjonijiet u l-avvenimenti tal-ħajja. Libido baxx ma jfissirx li hemm xi ħaġa ħażina, u libido għoli ma jfissirx li xi ħadd hu ossessjonat bis-sess. Huma sempliċement esperjenzi differenti tax-xewqa għas-sess.

    M’hemmx livell “normali” ta’ libido. L-importanti hu li tifhem ix-xejriet tiegħek u tikkomunikahom b’mod onest mas-sieħba/sieħeb, sabiex is-sess iseħħ b’mod komd u reċiproku.

  • L-aċċettazzjoni tal-ġisem hija dwar li tagħraf u tirrispetta ġismek kif inhu, mingħajr il-ħtieġa li tħobbu, tirranġah jew tiġġudikah. Tfisser li tħall lili ġismek jeżisti u jingħata l-kura meħtieġa, anke f’jiem meta ma tħossux daqshekk familjari, tħossu skomdu jew imperfett.

    F’kuntest sesswali, l-aċċettazzjoni tal-ġisem tista’ tagħmel l-intimità aktar sigura u rilassata. Meta ma tkunx kontinwament moħħok f’kif jidher ġismek jew tqabbilu ma’ tal-oħrajn, isir aktar faċli li tibqa’ preżenti u tinnota s-sensazzjonijiet, il-pjaċir u l-konnessjoni.

    L-aċċettazzjoni tal-ġisem ma teħtieġx kunfidenza jew pożittività l-ħin kollu. Hija prattika ta’ paċenzja u ħlewwa miegħek innifsek, u li tħalli ġismek ikun parti mill-pjaċir mingħajr il-pressjoni li trid tilħaq ċerti miri.

  • Id-disforija sesswali hija l-iskumdità jew it-tbatija li persuni jistgħu jħossu f’sitwazzjonijiet sesswali meta l-ġisem tagħhom, kif jiġi mimsus, jew kif jitkellem fuqu ħaddieħor ma jaqbilx ma’ kif jesperjenzaw il-ġeneru jew is-sesswalità tagħhom huma stess.
    Jista’ jinħass sens ta’ diskonnessjoni mill-ġisem, ansjetà waqt l-intimità, evitar ta’ ċerti tipi ta’ mess, jew il-ħtieġa li s-sess iseħħ b’modi speċifiċi ħafna biex iħossuhom tajjeb. Għal xi wħud hi kostanti; għal oħrajn tiddependi mis-sitwazzjoni jew mis-sieħeb/sieħba.

    Id-disforja sesswali mhijiex dwar li tkun imkisser jew diffiċli. Hija sinjal li hemm bżonn aktar kura, komunikazzjoni jew aġġustament. Tibdil fil-pożizzjonijiet, fil-lingwa, fid-dawl, fir-ritmu jew fil-fokus jista’ jagħmel differenza kbira.
    Int għandek dritt li tistabbilixxi l-limiti tiegħek, titlob dak li tixtieq, jew tieqaf għal kollox. Is-sess għandu jkun affermattiv, mhux esperjenza li tħossha ikbar minnek. 

  • Id-disforja tal-ġeneru hija l-iskumdità jew it-tbatija li xi ħadd jista’ jħoss meta l-identità tal-ġeneru tiegħu/tagħha ma taqbilx ma’ kif jidher il-ġisem, kif jiġi perċepit, jew kif jiġi ttrattat minn oħrajn.

    Tista’ timmanifesta ruħha b’ħafna modi: għal xi wħud hija dwar karatteristiċi fiżiċi bħas-sider, il-ġenitali, il-vuċi jew ix-xagħar tal-ġisem; għal oħrajn hija soċjali, li jissejjħu bl-isem jew il-pronom il-ħażin, jew li jkunu mistennija jaġixxu b’ċertu mod. Tista’ tkun kostanti, jew tiġi u tmur.

    Mhux il-persuni trans jew ta’ ġeneru divers kollha jesperjenzaw id-disforja tal-ġeneru, u li tesperjenzaha ma tiddefinixxix il-valur jew l-identità ta’ persuna. Mhijiex falliment jew difett; hija reazzjoni għal nuqqas ta’ qbil, mhux problema tal-persuna.
    Hemm diversi affarijiet li jistgħu jgħinu: għal xi wħud jista’ jkun il-bidliet fl-ilbies, fil-lingwa jew fil-preżentazzjoni; għal oħrajn l-ormoni, il-kirurġija, jew sempliċement li jkunu rispettati u affermati. It-triq ta’ kulħadd hija differenti.

  • Il-ħufar jew kif magħruf bl-Ingliż, il-cruising huwa l-prattika li tfittex konnessjonijiet sesswali jew intimi f’postijiet pubbliċi jew semi-pubbliċi, ħafna drabi permezz ta’ kuntatt viżiv, lingwaġġ tal-ġisem, jew sinjali sottili aktar milli konversazzjoni diretta. Għandu storja twila fil-kultura queer, speċjalment fost l-irġiel, bħala mod kif issib konnessjoni fi żminijiet u postijiet fejn li tkun queer b’mod miftuħ ma kienx sigur.


    Il-cruising jista’ jsir f’postijiet bħal ġonna, bajjiet, bars, saunas jew klabbs. Kultant iwassal għas-sess, kultant għal flirting, u kultant għal xejn. Mhux kull interazzjoni tfisser parteċipazzjoni, u li ddabbar rasek dejjem huwa aċċettabbli.


    Il-kunsens xorta japplika, anke mingħajr kliem. Li taqra s-sinjali, tirrispetta l-limiti, u tieqaf meta l-interess ma jkunx reċiproku huma essenzjali. Il-ħufar qatt m’għandu jinvolvi pressjoni, fastidju jew injorar tal-kumdità ta’ ħaddieħor.


    Għal xi wħud, il-ħufar isir għas-sess; għal oħrajn, huwa iktar dwar il-viżibilità, l-eċċitament jew is-sens ta’ komunità. Bħal ħafna affarijiet fil-kultura queer, huwa storiku, u huwa għażla personali ħafna.

  • Il-P-spot huwa terminu użat biex jiddeskrivi l-prostata, glandola żgħira li tinsab ġewwa l-ġisem f’ħafna rġiel ċis, nisa trans u xi persuni mhux binarji.

    Tinsab ftit ċentimetri ġewwa l-anus, lejn in-naħa ta’ quddiem tal-ġisem, u għal xi nies tista’ tkun sensittiva ħafna għall-pressjoni jew l-istimulazzjoni.


    Meta tiġi stimulata b’ġentilezza, il-P-spot tista’ toħloq sensazzjonijiet profondi u intensi, u kultant twassal għal orgażmi qawwija jew tal-ġisem kollu. Oħrajn jistgħu jħossuha newtrali jew skomda. It-tnejn huma normali.

    Il-P-spot mhijiex rekwiżit għall-pjaċir u mhux kulħadd jieħu gost bi stimulazzjoni anali. Il-kumdità, l-eċċitazzjoni, ir-rilassament u ħafna lubrikazzjoni jagħmlu differenza kbira.


    Persuni mingħajr prostata xorta jistgħu jgawdu pjaċir anali, iżda t-terminu P-spot jirreferi speċifikament għall-istimulazzjoni tal-prostata. Bħal kull żona ta’ pjaċir, hija għażla, personali, u ta’ min jesploraha biss jekk tħoss li hija tajba.

  • Il-G-spot hija żona sensittiva fuq il-ħajt ta’ quddiem tal-vaġina, ftit ċentimetri ‘l ġewwa. Għal xi nies, pressjoni jew stimulazzjoni hemmhekk tista’ tkun pjaċevoli ħafna u twassal għal orgażmi intensi jew squirting. Għal oħrajn, ma tagħmel xejn partikolari. Iż-żewġ esperjenzi huma normali.


    Il-G-Spot mhix organu separat u lanqas buttuna maġika. Il-G-spot hija parti minn netwerk usa’ ta’ partijiet marbutin mal-klitoris u l-isponża tal-uretra. Għalhekk ħafna drabi tirrispondi aħjar għal pressjoni kostanti jew moviment ta’ “ejja ‘l hawn” milli moviment mgħaġġel mal-ġilda.

    Mhux kulħadd igawdi l-istimulazzjoni tal-G-spot, u m’hemmx għalfejn “issibha” jew tikkontrollaha. Jekk tħossha tajba, esploraha. Jekk le, ġismek m’għandu xejn ħażin. Il-pjaċir jieħu ħafna forom.

  • Il-polyamorija huwa stil ta’ relazzjoni fejn persuni jkollhom aktar minn relazzjoni romantika jew sesswali waħda fl-istess ħin, u fejn kulħadd ikun infurmat u jaqbel. L-onestà, il-komunikazzjoni u l-kunsens huma l-pedament ta’ dan.

    Xi wħud ikollhom sieħeb prinċipali u oħrajn sekondarji; oħrajn għandhom diversi relazzjonijiet li kollha importanti l-istess. Xi wħud iħalltu r-romantiċiżmu, is-sess u rabtiet emozzjonali profondi b’modi differenti. M’hemmx struttura waħda li tiddefinixxi l-polyamory.

    Il-polyamory mhijiex dwar qerq jew “nuqqas ta’ impenn”. Hija għażla miftuħa mibnija fuq ir-rispett  minflok is-segretezza. U mhijiex għal kulħadd, u dan hu tajjeb.

    L-aktar ħaġa importanti hi li n-nies involuti jħossuhom rispettati, infurmati, u kapaċi jistabbilixxu limiti li jaħdmu għalihom.

  • Il-Pegging huwa meta persuna tilbes dildo biex tippenetra lis-sieħeb/sieħba tagħha. Il-pegging huwa dwar il-pjaċir, il-kurżità, u l-bdil tar-rwoli b’mod li huwa eċċitanti għat-tnejn.

    Ħafna nies igawdu l-pegging għax l-anus huwa mimli nervituri, u għal ħafna rġiel, nisa trans u persuni mhux binarji, jistimulaw l-prostata.

    Għal oħrajn, jista’ jkun dwar power play, intimità, jew sempliċement li tipprova xi ħaġa ġdida.

  • Deepthroating huwa tip ta’ sess orali fejn persuna ddaħħal il-pene aktar fil-fond fil-ħalq u lejn il-gerżuma.

    Hija ħila li tiddependi fuq ir-rilassament, in-nifs u li toħodha bil-mod, mhux fuq li taqbeż il-limiti tiegħek. Xi nies igawdu l-intensità jew is-sens ta’ qrubija; oħrajn ma jogħġobhom xejn. It-tnejn huma validi.

    Jekk tagħżel li tippruvaha, ikkomunika mas-sieħeb/sieħba tiegħek, isma’ lil ġismek, u ħu pawsi. L-użu ta’ lubrikant, tibdil fil-pożizzjoni, u kontroll tar-ritmu jistgħu jagħmluha aktar komda.

    Deepthroating qatt m’għandu jweġġa’ jew jinħass sfurzat. Il-pjaċir jiġi mill-kumdità u l-kunsens, mhux mill-pressjoni.

    Aktar informazzjoni hawn.

  • L-edging (li mill-2020 ‘l hawn iktar sar magħruf bħala gooning) hija l-arti li twassal lilek innifsek jew lis-sieħeb/a tiegħek eżatt qabel l-orgażmu u mbagħad iżżomm lura.

    Aħseb fih bħala pjaċir bil-buttuna tal-pawsa. Tibni t-tensjoni, tirkeb il-mewġa, tieqaf qabel tilħaq il-qofol, u terġa’ tibda.

    Xi nies jagħmluh darba; oħrajn jagħmlu lejla sħiħa minnu. M’hemmx mod ħażin, sakemm tħossok tajjeb u kulħadd ikun qed igawdi minn din l-inkejja.

    Għaliex tagħmel dan? Għax jista’ jagħmel l-orgażmu aktar qawwi, itwal u xi kultant esplussiv. U għax l-anteċipazzjoni hija eċċitanti u sabiħa.

    Jekk trid tesperimenta, ħudha bil-mod, ħu n-nifs u tgħaġġilx biex terġa’ tibda. Il-gost jinsab fil-waqfa fuq ix-xifer, mhux fit-tellieqa sal-aħħar.

  • Infezzjonijiet li jistgħu jgħaddu permezz ta’ kuntatt sesswali. L-STIs huma komuni ħafna u l-biċċa l-kbira jistgħu jitfejqu, imma trid tagħmel test biex tkun taf. L-ebda mistħija; imma l-għaqal importanti.

    L-istatus tiegħek mhuwiex sigriet maħmuġ; huwa biss parti minn kif tkun adult responsabbli. Bħat-taxxi, imma bi skużi aħjar.

    Aktar informazzjoni hawn.

  • Il-PEP hija mediċina ta’ emerġenza li tittieħed wara li persuna tkun possibbiment esposta għall-HIV (eż. waqt is-sess, qsim ta’ labar, jew meta jitqatta’ kondom).

    Trid tibda tittieħed fi żmien 72 siegħa minn meta persuna tkun ġiet esposta għar-risku (aktar ma tibda kmieni, iktar aħjar) u tittieħed għal 28 jum biex tnaqqas iċ-ċans ta’ infezzjoni.

    Hija l-pillola li tieħu meta tgħid, issa sew!. Qishom ċilindru tat-tifi tan-nar għall-HIV; mhux għall-użu ta’ kuljum, imma jistgħu jsalvaw il-ħajja meta tiġi bżonnhom.

    Aqra aktar hawn.

  • Non-binary hija identità tal-ġeneru li ma taqax esklussivament fil-kategoriji ta’ “raġel” jew ta’ “mara”.

    Xi persuni mhux binarji iħossuhom it-tnejn, la waħda u lanqas l-oħra, jew xi ħaġa kompletament differenti. Hija valida, reali u diversa, u tista’ tidher u tinħass b’mod differenti għal kull persuna.
    Mhux “bejn it-tnejn” u mhux “konfuża”; sempliċement teżisti lil hinn mill-binarju. Aħseb fil-ġeneru bħala spettru mħallat, mhux bħala iswed u abjad.

  • LGBTQ+ tfisser Lesbian (leżbjana), Gay (homosesswali), Bisexual (bisesswali), Transgender (trans), Queer jew Questioning (Kwir jew għadek qed tistaqsi), bil-“+” tirrikonoxxi l-ħafna identitajiet oħra li jeżistu lil hinn minn dawn it-tikketti, bħall-Intersess, Asesswali, Non-binary u oħrajn.

    Huwa terminu li jiċċelebra l-ispettru sħiħ tal-identitajiet sesswali u tal-ġeneru.LGBTQ+ Mhijiex biss abbrevjazzjoni; hija parata sħiħa tal-kburija tad-diversità umana. Jekk trid ejja għat-tikketti, imma ibqa’ għall-komunità.

    Għal aktar informazzjoni dwar identitajiet LGBTIQ+, żur is-sit maltagayrights.org

  • Il-kwirofobija internalizzata hija proċess kumpless fejn persuni kwir, bla ma jindunaw, jadottaw u jinternalizzaw atteġġjamenti u twemmin negattivi tas-soċjetà ta’ madwarhom dwar l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħhom stess. Dan jista’ jwassal għal dubju fihom infushom, mistħija u mibegħda lejhom infushom.

    Qisu meta l-preġudizzju tas-soċjetà jidħol jgħix bla ma jħallas il-kera, u tibda temmen il-gideb li ntqal dwar nies bħalek — inkluż fuqek innifsek. Din kultant tidher b’modi sottili.

  • Il-Fetiċiżmu huwa bħal lista ta’ mużika stramba li għalik hija perfetta biex tħossok imqanqal; minflok ikollok biss il-“top 40” tas-sess, ikollha tracks b’ingredjenti u taħlit speċifiċi ħafna li jagħmluha eċċitanti.

    Dak li jqajjem ix-xewqat għall-persuna  jista’ jkun l-użu tal-ġilda, is-saqajn, jew anke xi kelma li jgħidulek b’leħen senswali.
    Bażikament, l-immaġinazzjoni erotika tiegħek qisha tkun qed tilbes nuċċali tax-xemx u tgħid: “Din għalija!.”

    Aqra aktar hawn.

  • Il-chemsex jirreferi għall-użu ta’ ċerti drogi (bħal metamfetamina, GHB/GBL jew mefedron) biex itejbu jew itawlu esperjenzi sesswali; spiss fost irġiel gay, bi u queer, għalkemm mhux esklussivament.

    Il-chemsex jista’ joħloq konnessjonijiet intensi, kunfidenza u pjaċir, imma jġib miegħu riskji reali bħall-vizzju, id-dipendenza, it-telf tal-kunsens,u kumplikazzjonijiet tas-saħħa jew mewt.

    Dan mhuwiex dwar ġudizzju imma dwar għarfien. Kun af x’hemm fit-taħlita tiegħek, kun af il-limiti tiegħek, u kun af li xorta jistħoqqlok kura, anke meta l-affarijiet isiru kaotiċi.

  • Akronimu jew Abbrevjazzjoni għal Bondage & Discipline, Dominance & Submission, Sadism & Masochism.

     Il-BDSM huwa firxa diversa ta’ prattiki erotiċi li jinvolvu dinamiki ta’ poter, sensazzjonijiet fiżiċi u intensità emozzjonali. Dejjem ibbażat fuq kunsens ċar, infurmat u entużjast.

    Bażikament: mhux biss frosti u katini (għalkemm xi kultant, iva, dawk ukoll). Aħseb fih bħal meta tintefa’ minn x’imkien għax taf li hemm xiħadd se jilqgħekl… imma bil-ġilda.

  • Dik li bl-Ingliż isejħulha arousal non-concordance hija meta l-ġisem u l-moħħ ma jkunux fuq l-istess paġna waqt sitwazzjonijiet sesswali. Persuna tista’ tħoss ruħha mqanqla mentalment mingħajr tqanqil fiżiku, jew il-ġisem jista’ jirreaġixxi anke jekk il-persuna ma tkunx fil-burdata tas-sess.

    Dan huwa komuni ħafna u jiġri lil nies ta’ kull ġeneru. Ir-reazzjonijiet fiżiċi huma awtomatiċi u mhux dejjem jirriflettu x-xewqa, il-kunsens jew it-tgawdija.
    Li tkun taf dwar dan jista’ jnaqqas il-mistħija u l-konfużjoni. Reazzjoni fiżika ma tfissirx li persuna trid is-sess, u nuqqas ta’ reazzjoni fiżika ma jfissirx li ma tridx. Dak li jgħodd huwa kif persuna verament tħoss ruħha u x’tagħżel li tagħmel.

  • Skript sesswali huwa s-sett ta’ ideat li nitgħallmu dwar kif is-sess “suppost” jiġri: min jibda, x’jgħodd bħala sess, x’jiġi l-ewwel, x’jiġi wara, u kif suppost jispiċċa. Dawn l-iskripts jiġu mill-kultura, ir-reliġjon, il-midja, il-porn, il-ħbieb u l-esperjenzi tal-passat.

    Ħafna skripts sesswali huma limitati ħafna. Spiss jiffukaw fuq il-penetrazzjoni, l-orgażmu u rwoli speċifiċi tal-ġeneru. Meta s-sess reali ma jimxix ma’ dan l-iskript, in-nies jistgħu jħossuhom konfużi, ansjużi jew bħallikieku qed jagħmlu xi ħaġa ħażina.

    Li tifhem dawn l-iskripts jista’ jtik sens ta’ ħelsien. Jista’ jgħinek tinnota liema aspettattivi verament tħosshom tajbin għalik u liema ma jaqblux ma’ ġismek, max-xewqat jew ir-relazzjonijiet tiegħek. Is-sess m’għandux għalfejn isegwi ordni li jkun stabbilit minn qabel biex ikun sodisfaċenti.

    Int tista’ wkoll tikteb l-iskript tiegħek, tibdlu jew tinjorah għal kollox. Is-sess jaħdem l-aħjar meta jirrifletti lin-nies involuti, mhux xi formula.

  • L-Ewforija tal-Ġeneru hija s-sensazzjoni pożittiva u ta’ konferma li tiġi meta tkun tidher, tiġi trattat/a jew tesperjenza ġismek b’mod li jaqbel mal-ġeneru tiegħek. Tista’ tinħass bħala serħan, ferħ, kunfidenza, kumdità jew sens kwiet ta’ “iva, hekk tajjeb”.

    Tista’ tiġi minn meta jintużaw l-isem u/jew il-pronomi t-tajbin, meta tilbes ħwejjeġ li tħosshom tajbin, meta tkun mixtieq/a minn ħaddieħor b’mod affermattiv, jew tgawdi sess li jaqbel ma’ kif tesperjenza ġismek. Kultant tkun qawwijaa u emozzjonali; xi kultant iktar sottili u li żżommok saqajk mal-art.

    L-Ewforija tal-Ġeneru tfakkrek li meta tkun trans jew differenti f’termini ta’ ġeneru mhux biss dwar skumdità jew disforija. Jista’ jkun ukoll dwar pjaċir, konnessjoni u mumenti fejn tħossok kompletament int.

  • Il-ġugarelli sesswali huma oġġetti mfassla biex itejbu l-pjaċir, kemm jekk tużahom waħdek kif ukoll ma’ sieħeb/a. Jistgħu jivvibraw, jagħmlu pressjoni, iżidu l-kwalità jew jgħinuk tesplora sensazzjonijiet ġodda. Il-ġugarelli huma għodod, mhux sostituti tan-nies, u l-użu tagħhom ma jfissirx li hemm xi ħaġa nieqsa.

    Hemm firxa enormi ta’ ġugarelli sesswali, minn vibrators u dildos sa plugs, sleeves u stimulaturi esterni. Xi wħud huma mfassla għal partijiet speċifiċi tal-ġisem, oħrajn huma versatili ħafna. M’hemmx ġugarell “korrett” jew livell ta’ esperjenza meħtieġ.

    Jistgħu jgħinu lin-nies jitgħallmu x’jagħtihom pjaċir, inaqqsu l-pressjoni waqt sess ma’ sieħeb/a, iżidu l-pjaċir meta l-ġisem jew ċerti abbiltajiet jinbidlu, jew sempliċement iżidu l-varjetà għall-gost.

    Tindif xieraq, l-għażla ta’ materjal sigur għall-ġisem u l-użu ta’ lubrikant it-tajjeb jgħinu fil-kumdità u s-sikurezza.

    Il-ġugarelli sesswali mhumiex dejjem dwar li tkun avventuruż/a jew “esperjenzat/a”; huma iktar dwar il-kurżità, il-kumdità, l-esperimentazzjoni u li tippermetti lilek innifsek li tgawdi l-pjaċir bil-mod tiegħek.

    Aqra aktar hawn

  • L-O-spot huwa terminu li xi nies jużaw biex jiddeskrivu sensazzjonijiet pjaċevoli li ġejjin minn stimulazzjoni taż-żona pelvika aktar profonda, spiss qrib l-għonq tal-utru jew iż-żona ċervikali u l-muskoli ta’ madwarhom. Għal xi wħud, din it-tip ta’ stimulazzjoni tista’ twassal għal orgażmi intensi li jinħassu fil-ġisem kollu. Oħrajn, ma tħossux xi ħaġa speċjali.

    L-O-spot mhuwiex organu speċifiku jew buttuna garantita tal-pjaċir. Huwa aktar dwar kif il-ġisem jirreaġixxi għall-profondità, il-pressjoni u t-tqanqil f’dik iż-żona. Il-kumdità, il-fiduċja u li tkun tassew imqanqal/la jagħmlu differenza kbira.

    Jekk l-istimulazzjoni profonda tħossha tajba, esploraha bil-mod u bil-ġentilezza. Jekk le, aqbiżha. Il-pjaċir mhuwiex dwar li ssib kull “spot” fil-ġisem, imma dwar li tisma’ x’verament tħossok tajjeb bih.

  • L-isquirting huwa r-rilaxx ta’ fluwidu mill-uretra waqt pjaċir sesswali jew orgażmu li jistgħu jesperjenzaw persuni li għandhom vulva. Dan spiss jiġri permezz ta’ stimulazzjoni tal-parti ta’ quddiem tal-vaġina, li kultant tissejjaħ iż-żona tal-G-spot, imma mhux kulħadd jesperjenzah, u dan huwa kompletament normali.

    Il-fluwidu huwa prinċipalment awrina mħallta ma’ fluwidi oħra tal-ġisem. Dan jista’ jinstema’ sorprendenti, imma mhuwiex maħmuġ, mhux perikoluż, u m’hemm xejn minn xiex tistħi. Huwa biss wieħed mill-ħafna modi kif il-ġisem jista’ jirreaġixxi għall-pjaċir.

    Xi nies jesperjenzaw dan faċilment, oħrajn kultant biss, u ħafna qatt. L-ebda waħda minn dawn l-esperjenzi mhija aktar “avvanzata” jew aħjar minn oħra. L-isquirting mhuwiex xi għan, rekwiżit jew kejl ta’ sess tajjeb.

    Jekk jiġri, jiġri. Jekk le, ma ġara xejn.